Thank You To Our Sponsors
Iniala
Intersport
Caritas Malta Bounce Back
VALLETTA FC

The Official Website of Valletta Football Club

Our Next Game

Valletta FC
vs

Victor Tedesco Stadium

14 December 2024
at 4:30 pm

St Andrews

Club Statute

 

Valletta FC Badge

 

VALLETTA FOOTBALL CLUB

STATUT

Emendat fil-Laqgħa Ġenerali Straordinarja fit-15 ta’ April 2023, hekk kif propost mill-Kumitat u approvat mill-membri unanimament.

 

VALLETTA FOOTBALL CLUB

 

KAPITLU 1 – Introduzzjoni

1. Dan il-Club għandu jissejjaħ VALLETTA FOOTBALL CLUB.

2. Valletta F.C. huma amalgamazzjoni bejn Valletta Prestons u Valletta St. Paul’s. Valletta F.C. għandhom jikkunsidraw lil Valletta United F.C. , Valletta Rovers F.C., Valletta City F.C., St. Paul’s F.C. u Valletta Prestons bħala l-predeċesuri tagħhom.

3. Id-data uffiċjali tat-twaqqif tal-Valletta F.C. għandha tkun dik nhar il-Ħadd 7 ta’ Marzu 1943, meta saret il-Laqgħa Ġenerali wara l-amalgazzjoni bejn Valletta Prestons u Valletta St. Paul’s.

4. L-isem ‘Valletta’ għandu jinkiteb skond il-verżjoni uffiċjali tal-Gvern ta’ Malta.

5. Fl-interpretazzjoni ta’ dawn ir-Regoli, l-inizzjali tal-Valletta F.C. għandhom ikunu “V.F.C.”.

6. Valletta F.C. għandhom jitqiesu bħala l-premier team Belti fost it-teams kollha illi minn żmien għall-ieħor jorganizzaw logħob tal-football fil-belt kapitali ta’ Malta, Valletta.

7. Valletta F.C. għandhom id-dover jkollhom relazzjonijiet mill-aqwa ma’ kull team li jorganizza l-logħob tal-football fil-belt kapitali Valletta, filwaqt illi dawk it-teams ukoll għandhom id-dover jikkolaboraw mal-Valletta F.C.

8. Valletta F.C. għandhom jinkoraġġixxu l-promozzjoni tal-logħob tal-football fil-belt kapitali Valletta.

9. Valletta F.C. ma għandhomx ikollhom aspetti politiċi, razzjali jew reliġjużi.

10. Valletta F.C. għandhom id-dover jaffiljaw mal-Malta Football Association f’kull staġun, possibilment jieħdu sehem fl-attivitajiet kollha ta’ l-M.F.A. u josserva skrupluzament l-istatut ta’ l-M.F.A.

11. Il-Klabb hu reġistrat mal-Kummissarju tal-Organizzazzjonijiet Voluntarji, skont id-dispozizzjonijiet tal-liġi applikabbli. In-numru ta’ reġistrazzjoni bħala Organizzazzjoni Voluntarja hu VO/2014.

 

KAPITLU II – Membri

1. Irġiel u Nisa, li għalqu t-16-il sena u għandhom il-kwalitajiet meħtieġa (bħal ma’ huma kondotta tajba, għan sportive, eċċ., eċċ.), huma eliġibbli sabiex isiru membri effettivi tal-Valletta F.C.

2. Sabiex isir membru tal-Valletta F.C. trid tiġi approvat mill-Kumitat tal-Valletta Football Club.

3. Meta individwu propost ma jiġix aċċettat bħala membru, il-Kumitat mhux neċessarju illi jagħti raġuni għaliex l-individwu ma ġiex aċċettat bħala membru.

4. Individwu propost illi ma jiġix approvat milli jsir membru tal-Valletta F.C. mill-Kumitat ma jistax jerġa jiġi propost qabel sena mid-data ta’ l-ewwel applikazzjoni.

5. Individwu jista’ jsir membru attiv matul il-perodju kollu ta’ l-istaġun kalċistiku Malti.

6. Biex tkun membru eliġġibli għall-vot, trid tkun ħallast il-menswalita (membership) sal-Laqgħa Ġenrali. Membru ġdid ikun jista’ jivvota biss fl-elezzjoni tas-sena ta’ wara.

7. Membru għandu d-dritt jikkontesta l-elezzjoni għal ħatra fil-kumitat kemm il-darba huwa jkun ilu membru tal-Club sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena.

8. Membru għandu d-dritt jikkontesta għal ħatra fil-Kumitat kemm il-darba huwa jkun ilu membru fil-Club mill-inqas sena. L-ebda memebru eliggibli ma jista’ jikkontesta għal aktar minn kariga waħda.

9. F’kazi eċċezzjonali biss membru ġdid jista jikkontesta fl-interess tal-klabb għall-elezzjoni tal-kumitat wara li jiġi approvat mill-kumitat pezenti.

10. Membru għandu d-dmir jgħarraf lill-kumitat b’xi mġieba mhix sportiva ta’ membru ieħor fi ħdan il-Valletta F.C..

11. Membr għandu d-dritt jiddefendi akkużi kontrih billi jidher quddiem il-Kumitat. Iżda f’każ illi membru, mingħajr raġunijiet ġustifikati dwar il-każ fl-assenza tal-membru ma jidhirx quddiem il-Kumitat dwar il-każ, il-Kumitat għandu d-dritt jieħu deċiżjoni.

12. Membru jista’ jitkeċċa minn ħdan il-Valletta F.C. permezz ta’deċiżjoni meħudha mill-Kumitat jew minn Laqgħa Ġenerali. Il-Kumitat għandu jkollu ġustifikazzjoni għal din id-deċiżjoni. L-ġustifikazzjoni għandha tiġi rrekordjata fil-ktieb tal-minuti.

13. Kull membru għandu d-dover ikollu kopja ta’ dan l-istatut bħala gwida ta’ sħubija tiegħu fi ħdan il-Valletta FC.

14. Il-Kumitat għandu d-dritt, fuq bażi ta’ staġun jaħtar individwi bħala Membri Onorarji tal-Club, sabiex isir dan l-individwu irid ikun ta’ siewi ġenerali jew ta’ għajnuna finanzjarja lill-Club. Il-Membri Onorarji għandhom igawdu d-drittijiet kollha illi jgawdu l-membri ordinarji. Il-Kumitat għandu d-dritt jikkonferma lill-Membri Onorarji f’kull staġun.

 

 

KAPITLU III – Il-Kumitat

Sezzjoni I – Is-Setgħat tal-Kumitat

1. Il-Kumitat għandu jkun kompost minn massimu ta’ Tlettax -il membru President, Chairman, Segretarju Ġenerali, Teżorier, Viċi President u tmien Membri.

2. Il-Kumitat għandu d-dritt jaħtar kunsulent Legali, Kunsulent Mediku u Direttur Spiritwali

3. Il-Kumitat għandu d-dritt jaħtar kummissjonijiet jew sotto kumitati sabiex jassistuħ f’materji konnessi mal-Club.

4. Il-Kumitat għandu d-dritt jikkoptja membri fil-Kumiat, iżda dawn il-membri ma għandhomx id-dritt tal-vot.

5. Il-Kumitat għandu jiltaqgħa mhux inqas minn darba fil-ġimgħa. Kworum għall-laqgħa tal-Kumitat għandu jkun nofs in-numru tal-membri u l-President jew il-Viċi President.

6. Il-Kumitat għandu d-dritt isejjaħ laqgħat b’urġenza fi żmien 24 siegħa.

7. Il-Kumitat għandu d-dritt jippublika u jxandar fuq il-medja kollha rapport ta’ proċedementi, atti u riżoluzzjonijiet anki jekk dawn jistgħu jirriflettu ħażin fuq il-karattru ta’ l-individwu.

8. Il-Kumitat għandu d-dritt ta’ l-interpretazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti. F’każ mhux kopert minn dawn ir-regolamenti il-Kumitat għandu d-dritt jaġixxi skond iċ-ċirkostanzi.

9. Il-Kumitat għandu d-dover ineħħi membru mill-Kumitat jekk il-membru jkun ta’ detriment għall-istess Kumitat jew għall-Club inġenerali.

10. Il-Kumitat għandu d-dover iżommin ventarju tal-propjeta’ kollha tal-Valletta F.C. Dan l-inventarju għandu jiġi aġġornat meta l-Kumitat jiġi elett u meta l-Kumitat itemm il-ħatra tiegħu.

11. Il-Kumitat għandu d-dover iżomm fi stat tajjeb it-trofew kollha mirbuħa jew ippreżentati lill-Valletta F.C. matul iż-żmien.

12. Il-Kumitat għandu poter infinit fuq il-players reġistrati mal-Valletta F.C. f’każi ta’ atti ta’ koruzzjoni.
13. Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat f’materji konnessi mal-Valletta F.C. huma finali. Madanakollu l-Kumitat għandu d-dritt li jerġa’ jiftaħ il-każ fuq evidenza ġdida.

14. Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat għandhom jittieħdu b’maġġoranza ta’ voti. Fuq talba ta’ membru wieħed, Kull votazzjoni għandħa tkun sigrieta.

15. Il-Kumitat għandu d-dritt minn żmien għal żmien jorganizza attivitajiet soċjali u sporivi.

16. Il-Kumitat għandu d-dritt jissellef flus, jew jikseb overdraft minn Bank Kummerċjali, Għal dan l-għan il-bini tal-każin jservi bħala epoteka. Meta l-Club jissellef jew jikseb overdraft għandu jimxi mar-regoli tal-board tal-liċenzji tal-M.F.A. li jinsabu f’paġna 518 Rule M.F.A. Handbook taħt it-titlu ‘Financial Loans and other Financial Obligations of Member Clubs’

Sezzjoni II – L-Elezzjoni tal-Kumitat

1. Membru huwa eliġibbli għall-kandidatura tal-Kumitat kemm-il darba huwa jkun ilu membru attiv f’ħdan il-Valletta F.C. sena minn meta ħallas il-menswalita, ara l-Istatut paġna 5 Numru 8.

2. Nominazzjoni ta’ membru sabiex jikkontesta l-elezzjoni tal-Kumitat għandha tkun akkompanjat minn ċertifikat ta’ aċċettazzjoni ffirmat mill-membru nominat u żewġ ritratti. In-nominazzjoni għandha tasal għand is-Segretarju Onorarju tal-Kumitat skond iċ-ċirkulari tal-Laqgħa Ġenerali.

3. F’kaz ta’ nuqqas ta’ nomini mill-membri għall-kontestazzjoni ta’ l-elezzjoni tal-Kumitat, il-perjodu għandu jitwal b’ġimgħa, inkluż il-jum tal-Laqgħa Ġenerali Annwali. F’kaz illi ma jkunx hemm biżżejjed nominazzjonijiet dawn jistgħu jsiru waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali.

4. Il-Lista ta’ Nominazzjonijiet ta’ membri li jkunu se’ jikkontestaw l-elezzjoni tal-Kumitat għandha tkun fin-Notice Board tal-Club.

5. Il-Membri kollha tal-Kumitat għandhom id-dritt jerġgħu jikkontestaw kull elezzjoni Ġenerali tal-Klabb.

6. F’każ illi fil-votazzjoni membri jiksbu l-istess total ta’ voti, għandha ssir votazzjoni bejniethom.

7. L-Uffiċjali għandhom jiġu eletti għall-tlett staġuni skond il-kalendarju tal-MFA.

8. Għall-votazzjoni għall-ħatra tal-Kumitat, il-Kumitat għandu d-dritt jitlob mingħand kull kandidat żewġ ritratti sabiex dan iservi bħala gwida identifikattiva
tal-kandidat. Il-Kumitat m’għandux jaċċetta l-ebda responsabbilta f’każ illi xi kandidat ma jissuplixxihx b’rittratti.

Sezzjoni III – Il-Membri tal-Kumitat

1. Fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat fl-istaġun il-ġdid, il-membri għandhom jiddeċiedu l-jiem illi fihom għandhom isiru l-laqgħat normali tal-Kumitat.

2. Ix-xogħol magħmul mill-membri tal-Kumitat għandu jkun volontarju.

3. L-ebda membru tal-Kumitat ma jista’ jkun membru f’Kumitat ta’ team ieħor affiljat mal-Malta Football Association, mill-Premier League sa’ l-inqas diviżjoni, iżda huwa jista’ jkun membru f’Kumitat illi jmexxi amateur team fil-belt Valletta.

4. Jekk matul l-istaġun jinħolqu vaganzi fil-Kumitat, dawn għandhom jintlew minn membri li jkunu kisbu l-akbar ammont ta’ voti wara dawn il-membri li ġew eletti. F’każ illi ma jkunx hemm in-numru meħtieġ ta’ membri, dawn jistaw jimtlew permezz ta’ Laqgħa Ġenerali Straordinarja.

5. Kull membru illi ma jattendix għal tlett laqgħat konsekuttivi tal-Kumitat mingħajr raġuni valida għandu jiġi avżat u wara jitlef postu fil-Kumitat jekk jibqa’ assenti.

6. Il-membri kollha tal-Kumitat għandhom id-dritt jerġgħu jikkontestaw l-Elezzjoni Ġenerali għall-istaġun ta’ wara.

7. Il-presenza tal-membri tal-Kumitat għandha tiġi rrekordjata fir-Rapport Administrattiv.

8. Membru Parlamentari ma jistax ikun membru fil-Kumitat tal-Vallatta F.C., fil-Valletta F.C. Supporters Club u fil-Valletta F.C. Youth Nursery.

 

Sezzjoni IV – L-Uffiċjali tal-Kumitat

a. L-Uffiċjali Prinċipali

1. Il-President, Chairman, Segretarju Ġenerali, Viċi President u t-Teżorier tal-Kumitat għandhom jiġu eletti bla proċess ta’ votazzjoni kemm il-darba ma jiġux eletti bla proċess ta’ votazzjoni kemm il-darba ma jiġux ikkontestati għal kariga msemmija u jibqaw iżommu l-kariga tagħhom.

2. Il-Kumitat għandu jagħżel, Assistenti tas-Segretarju Ġenerali u tat-Teżorier, id-Direttur tal-Club u kull uffiċjal inkarigat minn xogħol f’ħdan il-Club fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat.

 

b. Id-Dmir tal-President

1. Il-President għandu d-dmir imexxi lill-Kumitat u lill-Club fl-aħjar interessi tal-Club.

2. Il-President għandu d-dritt isejjaħ u jmexxi laqgħat tal-Kumitat u Laqgħat Ġenerali u Straordinarji tal- Valletta F.C..

3. Il-President għandu l-castingvote fil-materji kollha.

 

c. Id-Dmirijiet tal-Viċi Presidenti

1. Il-Viċi Presidenti għandu jmexxi l-aspetti kollha tal-Valletta F.C. fl-assenza tal-President.

2. Il-Viċi President li jkun qed imexxi l-laqgħa tal-Kumitat għandu d-dritt tal-casting vote (fl-assenza tal-President).

3. Fl-assenza tal-President u l-Viċi Presidenti, għandu jippresidi l-laqgħa l-membru illi jiġi nominat mill-membri l-oħra tal- Kumitat.

 

d. Id-Dmir tas-Segretarju Ġenerali

1. Is-Segretarju Ġenerali għandu jmexxi, mal-President, l-amministrazzjoni tal-Valletta F.C.

2. Is-Segretarju Ġenerali għandu jżomm ir-records kollha tal-Valletta F.C. fil-każin.

3. Is-Segretarju Ġenerali għandu jippreżenta r-Rapport Amministrattiv, bil-miktub, għall-Laqgħa Ġenerali Annwali. Dan ir-rapport jiġi approvat mill-Kumitat.

 

e. Id-Dmirijiet tat-Teżorier

1. It-Teżorier għandu jkun responsabbli għall-aspetti finanzjarji kollha tal-Valletta F.C..

2. It-Teżorier għandu jżomm record komplut tal-finanzi tal-Valletta F.C. li għandhom jiġu depożitati f’bank maghżul mill-Kumitat.

3. It-Teżorier jamministra l-finanzi tal-Club skond id- direttivi magħtija lilu mill-Kumitat taħt l-awtorizazzjoni tal President.

4. It-Teżorier għandu d-dritt jżomm €250 bħala cash in hand.

5. Pagamenti fuq il-€50 għandhom isiru b’cheque li għandu jiġi ffirmat mill-President jew Segretarju Ġenerali u t-Teżorier.

6. It-Teżorier għandu jippreżenta r-Rendikont Annwali fil-Laqgħa Ġenerali Annwali u Rendikont f’Laqgħat imsejħa mill-Valletta F.C. minn żmien għall-ieħor. Ir-Rendikont għandu jiġi approvat mill-Kumitat.

7. It-Teżorier għandu jippreżenta lill-Kumitat Rendikont Finanzjarju kull xahrejn.

8. Ir-Rapport Finanzjarju, iffirmat mill-Kaxxier u l-Awditur tal- Club, għandu jintbagħat lill-Malta Football Association.

f. Id-Dmirijiet tal-membri L-oħra

1. Il-membri l-oħra tal-Kumitat għandhom jaċċettaw ix-xogħol mogħti lilhom mill-Kumitat.

Sezzjoni V – Il-Bureau tal-Kumitat

1. Valletta F.C. għandhom ikollhom Bureau illi jkun il-Kumitat Eżekuttiv tal-Valletta F.C.

2. Il-Bureau għandu jkun kompost mill-President, tlett Viċi Presidenti, Segretarju Ġenerali u Teżorier.

3. Id-dmirijiet tal-bureau għandhom ikunu;

a. riviżjoni ta’ l-istatut għall-aprovazzjoni tal-Laqgħa Ġenerali Annwali. b. Deċiżjonijiet illi jikkonċernaw direttivi u rakkomandazzjoni.
c. Approvazzjoni tar-Rapport Annwali tal-President, Segretarju Ġenerali u Teżorier għall-Laqgħat Ġenrali.

4. Il-Bureau huwa fid-dover jinforma lill-membri l-oħra tal-Kumitat u jiddiskuti magħom materji ta’ mportanza.

5. Kull deċiżjoni tal-Bureau għandha tiġi approvata mill-Kumitat.

6. Il-bureau għandu jiltaqgħa mhux inqas minn darba fix-xahar.

 

KAPITLU IV – Il-Każin

1. Valletta F.C. għandhom ikollhom bas-sedja tagħhom, f’post prominenti fil-belt Valletta. Dan il-post għandu jintgħażel mill-Kumitat.

2. Fil-każin għandu jkun hemm bar għas-servizz tal-membri u l-ħbieb.

3. Kull membru hu responsabbli għall-aġir tiegħu u ta’ ħbiebu fil-Klabb tal-Valletta F.C.

4. Fil-Każin, il-membri għandhom ikollhom il-faċilitajiet rikreattivi. Iżda l-logħob ta’ l-azzard huwa assolutament ipprojbit.

5. Il-bar jista’ jiġi mmexxi mill-membri tal-Kumitat inkella jista’ jiġi mikri lil xi individwu, għalkemm il-Kumitat għandu d-dritt ma jilqax l-offerta l-aktar waħda vantaġġjuża.

6. Il-Kumitat għandu jaħtar Direttur tal-Każin u l-Assistant tiegħu. Id-Direttur għandu jkun responsabbli għall-aspetti kollha tal-Każin, iħares ir-regolamenti tal-Każin, iżomm inventarju tal-proprjeta, josserva t-tmexxija tal-Bar u l-faċilitajiet rikreattivi.

 

KAPITLU V – Is-Settur Tekniku

1. Kmieni mal-ħatra tiegħu, il-Kumitat il-ġdid għandu d-dover jaħtar is-settur tekniku fi ħdan il-Valletta F.C..

2. Dan is-Settur Tekniku għandu jkun kompost minn Senior Coach, Assistant Coach u Team Manager u possibilment Coach għal kull team illi jirrapreżenta lill-Valletta F.C. fl-attivitajiet tal-M.F.A.

3. Is-Senior Coach u t-Technical Staff għandhom ikollhom l-aqwa kwalifiki meħtieġa. mill-M.F.A.

4. Il-Kumitat għandu jagmel ftehim mas-Senior Coach u l-istaff tekniku għal staġun jew iktar minn Staġun wieħed.

5. Fil-ħatra tal-coach, il-Kumitat huwa fid-dover ikun sodisfatt bix-xogħol tal-coach u r-relazzjonijiet bejn il-coach u l-players.

6. Il-Kumitat huwa fid-dover jissuplixii lis-Senior Coach bl-aqwa faċilitajiet possibbli.

7. Qabel u wara kull partita, il-Kumitat għandu d-dover jiddiskuti mas-Senior Coach l-punti tattiċi u r-riżultat tal-partita, problemi u kull aspett ieħor.

8. Il-Kumitat għandu jiddiskuti mal-Coach kull trasferiment ta’ players.

9. Il-Coach għandu d-dover iżomm l-aqwa relazzjoni bejnu u bejn il-plajers iżda fl-istess waqt huwa responsabbli għad-dixxiplina ta’ training u fil-partita.

10. Il-Coach u t-Team Manager għandhom jissuplixxu lill-Kumitat b’rapporti dettaljati dwar it-training tal-plajers, il-wirja tagħhom fil-partiti u dwar dak kollu li jiġri minn żmien għal żmien.

11. Il-Coach huwa responsabbli għall-għażla finali tat-team u l-pjan tal-partita. Dan għandu jsir b’kollaborazzjoni sħiħa mal-Assistant Coach u mat-Team Manager.

12. Għandha tinzamm l-aħjar relazzjoni bejn is-Senior Coach, l-istaff Tekniku, t-Team Manager u mas-settur mediku tat-team

13. Il-Coach għandu jikkunsidra s-suġġerimenti tal-partitarji, jaċċetta l-kritika kostruttiva tagħhom iżda qatt ma jidħol f’polemiki mal-partitarji.

14. Il-Coach, l-Assistant Coach u t-Team Manger għandhom ikunu ta’ servizz għall-istampa sportiva iżda huma responsabbli għal dak kollu li jingħad minnhom.

15. Sabiex jiktbu fil-ġurnali jew jieħdu sehem fi programmi tar-Radju jew televiżiv, il-Coach, l-Assistant Coach u t-team Manager jinħtieġu l-permess tal-Media Officer tal-Club jew President jew Segretarju tal-Club jekk il-Media Officer ikun indispost.

 

KAPITLU VI – Il-Players

1. Minn ħames snin il-fuq, player jista’ jissieħeb mall-Valletta F.C. (Valletta Nursery) sabiex jitgħallem il-logħob tal-football. Wara huwa jista’ jirreġistra skond ir-regoli ta’ l-M.F.A..

2. Player jista’ jirreġistra skond ir-regoli ta’ l-M.F.A. u skond il-ftehim illi l-Klabb jista’ jagħmel mal-Player.

3. Plajer jista’ jirreġistra mall-Valletta F.C. bħala amateur jew non-amateur. Fiż-żewġ każi r-Reġistrazzjoni trid issir skond ir-regolamenti ta’ l-M.F.A..

4. Plajer għandu d-dritt jirreġistra mall-Valletta F.C. matul l-istaġun kalċistiku kollu skond ir-regolamenti tal-M.F.A., UEFA u F.I.F.A.

5. Plajer reġistrat mall-Valletta F.C. ma jistax jieħu passi legali kontra l-Valletta F.C., membri tal-Kumitat, Coach, Staff Tekniku, mediku u membri jew partitarji mingħajr il-permess bil-miktub tal-Kumitat skond ir-regolamenti tal-M.F.A.

6. Plajer ma jistax ixandar pubblikament kwistjonijiet fi ħdan il-Valletta F.C. mingħajr il-permess bil-miktub, tal-Kumitat.

7. Plajer ma jistax jieħu sehem f’kompetizzjonijiet lokali jew internazzjonali, mingħajr il-permess, bil-miktub tal-kumitat.

8. F’każ ta’ plajer stranġier, amateur jew non-amateur, Valletta F.C. huma fid-dover illi jsegwu r-regolamenti kollha maħruġa mill-awtoritajiet ta’ Malta u mill-M.F.A.

9. Meta player jinsab ħati ta’ att ta’ korruzzjoni jew mġieba ħażina għandu joqogħod għad-deċizjonijiet meħuda mill-bords tal-MFA.

10. Plajer għandu d-dritt jappella kontra deċiżjoni tal-kumitat tal-Valletta F.C.. F’dan il-każ il-plajer għandu jkun akkompanjat minn persuna tal-fiduċja tiegħu meta jiġi diskuss il-każ tiegħu quddiem il-Kumitat.

11. Plajer ma jistax jirrifjuta unur mogħti lilu mill-Valletta F.C. jew mill.M.F.A.

12. Plajer huwa fid-dover iħallas il-multi kollha mposti fuqu mill-kumitat u mill-Kumitat tad-Dixxiplina ta’ l-M.F.A.

13. Player jista’ jiġi kkastigat mill-Kumitat kemm-il darba l-imġieba ġenerali tiegħu lejn il-Klabb ma tkunx tajba u jekk jikser il-kodiċi tad-dixxiplina tal-Klabb hekk kif hu fid-dover josserva dawn il-kodiċi.

14. Player jeħtieġ il-permes tal-Kumitat sabiex jikteb fil-ġurnali jew rivista’. Jew jieħu sehem fi programmi tar-radju jew televiżivi.

 

KAPITLU VII – Laqgħa msejħa mill-Valletta F.C.

1. Il-Kumitat tal-Valletta F.C. jista’ jsejjaħ tlett kwalitajiet ta’ Laqgħat Ġenerali, jigifieri l-Laqgħa Ġenerali Annwali, il-Laqgħa ta’ Nofs l-Istaġun u Laqgħa Ġenerali Straordinarja.

2. Fil-laqgħat kollha għandha tiġi adottata s-sistema ta’ maġġoranza sempliċi. Il-kworum huwa ta’ nofs it-total ta’ membri u wieħed u l-President, iżda jekk wara nofs siegħa ma jkunx hemm kworum, il-laqgħa tista’ ssir bil-membri preżenti.

3. Mhux inqas minn 10 fil-mija tal-membri għandhom is-setgħa jsejjħu Laqgħa Straordinarja.

4. Il-Kumitat għandu jsejjaħ il-Laqgħa Ġenerali Annwali permezz ta’ ċirkulari mibgħuta bl-email jews Text message (mobile) mibgħuta lil kull membru, 15-il jum qabel id-data tal-laqgħa. Iċ-ċirkulari għandha tintbagħat ukoll lill-M.F.A.

L-aġenda għandha tkun:

I. Minuti ta’ l-aħħar Laqgħa Ġenerali
II. Rapport Amministrattiv
III. Approvazzjoni / Tibdil fl-Istatut
IV. Diskors mill-President
V. Hatra ta’ l-Election Commissioners *
VI. Elezzjoni
VII. Affarijiet Oħra

* Jekk ikun hemm bżonn ta’ Elezzjoni

5. Il-Kumitat jista’ jsejjaħ laqgħa ta’ nofs l-istaġun lejn tmiem l-Ewwel Round tal-Kampjonat, permezz ta’ ċirkulari u avviż fil-ġurnali/radju/television ġimgħa qabel id-data tal-laqgħa, l-aġenda għandha tkun:

i. Minuti ta’ l-aħħar Laqgħa Ġenerali ii. Diskors mill-President
iii. Rendikont Finanzjarju iv. Affarijiet Oħra

6. Il-Kumitat għandu s-setgħa jsejjaħ Laqgħat Straordinarji, permezz ta’ ċirkulari u avviżi fil-ġurnali/radju, ġimgħa qabel id-data tal-laqgħa. L-aġenda għandha tkun:

i. Diskors mill-President.
ii. Suġġett li dwaru tkun issejħet il-Laqgħa.

7. L-avviż tal-Laqgħat kollha imsejħa mill-Valletta F.C. għandu jidher fuq in-Notice Board tal-Club għall-perjodu ta’ sebat ijiem.
8. Kull regolament, emenda jew deċiżjoni adottata fil-Laqgħa Ġenerali għandhom ikollhom effett immedjat.

 

KAPITLU VIII – Regoli Ġenerali

1. L-ilsien Uffiċjali tal-Valletta F.C. huwa dak Malti, il-lingwa nazzjonali. Il-minuti tal-Laqgħat u dokumenti lokali tal-Valletta F.C. għandhom jinkitbu bil-Malti.

2. L-Indirizz Uffiċjali tal-Valletta F.C. huwa l-Każin ta-Socjeta’.

3. Kuluri Distinti/Emblema: Valletta F.C. għandhom ikollhom l-kuluri distinti tagħhom u l-emblema. Il-kulur ta’ l-ilbies għandu jkun l-abjad, bl-ahmar bħala t-tieni kulur. L-emblema għandha tikkonsisti f’figura ta’ iljun tad-deheb fuq sfond aħmar, bl-isem ‘Valletta F.C.’ fil-qieħ ta’ l-isfond.

4. L-Istatut għandu jkun esebit f’post prominenti fil-Każin.

5. Sponsorship: Valletta F.C. jistgħu jiġu sponsorjati minn individwi jew ditti kummerċjali iżda mhux minn politiċi.

6. Imġieba: Valletta F.C. huma responsabbli għall-imġieba tal-Membri tal-Kumitat, tal-Membri, Coach, Assistant Coach, Team Manager u Players f’kompetizzjonijiet u attivitajiet kollha tal-Klabb.

7. Multi: Membri tal-Kumitat, membri, Senior coach u staff tekniku u mediku u players għandhom iħallsu l-multi għall-offiżi tagħhom fi żmien 15-il jum inkella l-kumitat għandu jieħu l-passi meħtieġa.

8. Irtirar mill-M.F.A.: Valletta F.C. jistgħu biss jirtiraw mill-M.F.A. permezz ta’ deċiżjoni meħuda fil-Laqgħa Ġenerali Annwali jew permezz ta’ Laqgħa Ġenerali Straordinarja msejjħa għal dan il-għan.

9. Kompetizzjonijiet ta’ l-Ewropa: Valletta F.C. għandhom id-dover jieħdu sehem fil-kompetizzjonijiet ta’ l-Ewropa.

10. Dixxiplina: Il-Kumitat huwa responsabbli għall-Kodiċi tad-dixxiplina fi ħdan il-Valletta F.C.. Membri u plajers huma fid-dover li jkollhom kopja tal-Kodiċi.

11. L-Awdituri: Għal kull staġun -LAwdituri għandhom jintgħażlu mil-lLaqgħa Ġenerali Annwali. L-Awdituri iridu jkunu professjonali, għandhom jiċċertifikaw-isltat finanzjarju tal-Valletta F.C. u jippreżentaw rapport għal-lLaqgħa ĠeneralAinnwali għall-istaġun korrenti. Skond ir-regoli tal-M.F.A.

12. L-audited accounts annwali tal-Club għandhom jitlestew sabiex jirriflettu s-sena finanzjarja stabbilita mil-Laqgħa Ġeneral Annwali, ossia għal kull perjodu li jibda fl-1 ta’ Jannar u jispicca fil-31 ta’ Diċembru.

13. Xoljiment: (a) F’kaz li Laqgħa ġenerali b’maġġoranza ta’ 75% tal-membri kollha
reġistrati u eliġibbli biex jivvutaw sabiex il-Club jiġi xolt, il-Kumitat għandu jieħu l-passi kollha necessarji sabiex jinqata’ kull dejn li jista’ jkun hemm. Wara li jinqata’ dan id-dejn il-Kumitat għandu jiddisponi mill-flus u/jew propjeta’ oħra li l-Club ikollu dak iz-zmien skont kif iddettat mil-Laqgħa Ġenerali. Wara li dan iseħħ, il-Club ikun ikkunsidrat xolt għal kull fini.

(b) F’kaz ta’ xoljiment tal-Club, il-flus u/jew propjeta’ rimanenti għandhom jiġu mgħoddija bħala donazzjoni lil xi non-profit organization, non-profit charitable institution jew lill-Voluntary Organisations Fund magħżula mill-Kumitat uxxenti.

(c) F’każ ta’ xoljiment tal-Club, il-Kumitat uxxenti għandu jinforma lill-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Voluntarji fi żmien 15-il ġurnata mid-data tad-deċiżjoni meħuda għax-xoljiment tal-Club.

14. Il-Kumitat ikollu d-dritt li jiddeċiedi fuq kull materja li tista’ tinqala’ u li mhemmx provdut
rimedju għaliha fl-Istatut. Meta jiġri dan, il-Kumitat ikollu l-obligu li jipprepara emenda għall-approvazzjoni tal-Laqgħa Ġenerali Annwali li jkun imiss (jew ta’ nofs is-sena, jew xi laqgħa oħra straordinarja) biex tiżdied fl-Istatut tal-Klabb.