Matteo Piciollo Fi Tmien esperjenza mimlija successi ma Valletta FC Published on: 29-07-2021

Matteo Piciollo

Rebaħ dak kollu li għandu x’joffri l-football Malti mat-team mill-kapitali fejn issa qed ifittex li jibda kapitlu ieħor fil-karriera tiegħu.
 
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-football?
Niftakar li kont għadni żgħir meta bdejt nagħti l-ewwel daqqtejn bil-ballun.
Jien twelidt fir-reġjun ta’ Lazio, eżattament fil-belt kapitali Ruma u l-football minn dejjem kien popolari f’din iż-żona. 
Missieri, li kien player tal-football, kien jirsisti sabiex jarani ntejjeb il-ħiliet tiegħi tant li kien jilgħab ħafna miegħi. Riedni nkun player tajjeb u kien dejjem jeħodni għat-taħriġ. Kien juri entużjażmu kbir qisu kien se jmur hu stess jilgħab. Kien jiġi jarani nilgħab u dejjem tani pariri tajbin. Mingħajr ma jaf, missieri tani din l-imħabba lejn il-football u jien komplejt nieħu dan l-isport b’aktar ħeġġa u serjetá. Bla dubju,  missieri kien strumentali biex wasalt s’hawn-hekk.
Il-pożizzjoni tiegħi fil-ground dejjem kienet fid-dipartiment offensiv fejn xi drabi kont involut man-naħa xellugija bħala winger jew inkella midfielder offensiv. 
Kien hemm ukoll drabi fejn lgħabt bħala t-tieni attakkant, pożizzjoni li nistqarr hi ferm għal qalbi.
 
X’tiftakar mill-ewwel mumenti tiegħek tilgħab il-football fl-Italja?
Jien bdejt nilgħab mal-akkademja ta’ Lazio fejn hemmhekk sibt coaches ferm iddedikati li għenuni ħafna sabiex nimmatura dejjem aktar fil-football. Minn hemm kelli diversi opportunitajiet għalkemm lgħabt b’mod regolari ma’ timijiet mis-Serie C u Serie D bħal Atletico Roma, Civitanovese, Salernitana, Ostia Mare u Civitavecchia.

Matteo Piciollo
 
Int li lgħabt ma’ diversi timijiet Taljani u anke Maltin kif tikkumpara dawn iż-żewġ skejjel ta’ football?
Jien ngħid li hemm diversi timijiet Maltin bħal Hamrun Spartans, Gzira United, Floriana, Valletta, Birkirkara u Hibernians li faċilment nistgħu nikkumparawhom ma’ timijiet li jinsabu fin-nofs jew in-naħa t’isfel tal-klassifika tas-serie B. Hemm potenzjal f’dawn it-timijiet lokali u bil-players barranin li qed jaslu f’Malta, il-livell żdied sew. Dawn it-timijiet li semmejt għandhom il-potenzjal li jagħmluha daqs timijiet Taljani. 
Diversi timijiet Maltin qed jirnexxielhom ukoll jaqbżu xi rawnd jew tnejn fil-kompetizzjonijiet Ewropej u dan hu sinjal li l-football lokali qed jitjieb.
 
Kif ġejt tilgħab f’Malta?
Kien l-ex president ta’ Floriana FC Riccardo Gaucci li xtaqni ningħaqad magħhom. Kien ċempilli u ħajjarni nilbes il-flokk aħdar u abjad tal-club fejn spjegali li kellu proġett kbir u objettivi importanti. Dan kollu seħħ seba’ staġuni ilu. Lanqas naf kif għadda ż-żmien. Kelli wkoll esperjenzi ma’ Balzan u Valletta li minnhom tgħallimt ħafna.
 
Nitkellmu dwar l-esperjenza li kellek ma’ Floriana. X’tiftakar minn din l-esperjenza?
Kif għedtlek jien kont ingħaqadt ma’ Floriana fis-sajf tas-sena 2014.
Magħhom għamilt żewġ staġuni u rnexxieli niskorja 23 goal fi 22 partita. Kien żmien fejn kont qed insib ix-xibka b’mod regolari u verament kont sodisfatt li wasalt għal dawn it-tragwardi. Kienet esperjenza partikolari għax kont qed insir naf aktar dwar Malta u l-livell ta’ football hawnhekk. Bil-mod il-mod bdejt nidra l-ambjent u ħassejtni ferm komdu hawnhekk.
 
Minn hemmhekk int mort ma’ Balzan FC fejn kellek ukoll esperjenzi partikolari. X’tikkummenta?
Iva ma’ Balzan FC kelli mumenti verament tajbin għalkemm diżappuntanti wkoll, speċjalment meta tlifna t-titlu. Bħala team konna magħqudin ferm u konna b’saħħitna biżżejjed sabiex nirbħu l-kampjonat.
Madankollu konna spiċċajna fit-tieni post tal-klassifika fl-aħħar tal-istaġun b’Valletta kienu huma li reb ħu dan it-titlu.

Matteo Piciollo
 
Ironikament Valletta FC kellhom ikunu l-club li jmiss li ngħaqadt magħhom. Kif ħassejtek ma’ dan it-team?
Nista’ ngħidlek li ma’ Valletta qattajt l-isbaħ erba’ snin tal-karriera tiegħi.
Magħhom irbaħt diversi unuri li joffri l-football Malti fosthom il-Kampjonat Premier u l-FA Trophy filwaqt li kont parti mill-iskwadra li pparteċipat fil-UEFA Champions League u l-UEFA Europa League fejn kellna drabi fejn qbiżna għat-tieni round preliminari. Prattikament issa għalaq il-kuntratt tiegħi mal-Beltin u għalhekk se nkun qed infittex avventura ma’ club ieħor. Hawnhekk se nħalli warajja memorji mill-aqwa u emozzjonijiet sbieħ li għaddejt minnhom. Valletta għandhom kumitat ħabrieki kif ukoll partitarji akkaniti li dejjem għandhom mentalitá rebbieħa. Huma jiġu bl-eluf jarawna jilagħbu u żgur li kienet ta’ dispjaċir għalihom li ma setgħux jattendu għal-logħbiet matul l-istaġun li għadda.
 
Kif għedtlek se nħalli qalbi hawn għalkemm fil-karriera ta’ player, din hi xi ħaġa normali li jkun hemm bidla ta’ club.

 

"Nista’ ngħidlek li ma’ Valletta qattajt l-isbaħ erba’ snin tal-karriera tiegħi".
 

Iżda wara kollox x’ġara eżatt matul l-istaġun li għadda hekk kif sibtuha diffiċli tikkonfermaw il-qawwa li kellkom f’dawn l-aħħar snin?
Ma nafx eżattament x’seta’ ġara. Jista’ jkun li kien hemm xi tibdil matul l-istaġun fosthom fit-tmexxija tat-team hekk kif prattikament kellna tliet coaches f’temp ta’ ftit xhur.
Il-players dehru li bdew iħossu dawn il-kambjamenti tant li kien hemm xi logħbiet li stajna għamilna aħjar. 
Madankollu kull club ikollu t-tlugħ u l-inżul tiegħu f’xi mument jew ieħor. Wara kollox, jidher li spiċċa ċiklu bi players li kienu jiffurmaw parti mit-team li issa se jkunu qed ifittxu club ieħor.
 
Hemm xi goal jew inkella partita partikolari li tibqa’ tiftakar kemm ilek tilgħab hawn Malta?
Niftakar goal partikolari li skorjajt ma’ Valletta fit-88 minuta tal-partita kontra Gzira United, li kien determinanti għar-rebħ tal-kampjonat fl-aħħar ġurnata. 
Kelli wkoll goal ieħor importanti ma’ Balzan fis-semi-finali tal-FA Tro-phy li wassal lit-team għall-finali ta’ din il-kompetizzjoni. 
 
X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar il-format ta’ 16-il team li kien kompost minnu l-Kampjonat Premier matul istaġun li għadda?
Minkejja li dan il-kampjonat kien magħmul minn 16-il team, xorta waħda nista’ ngħid li kien ferm bilanċjat b’diversi timijiet li taw logħba lil kulħadd.
Kien kampjonat interessanti li ra lil Hamrun Spartans ikollhom xi ħaġa aktar minn ħaddieħor. 
B’xorti ħażina, fuq struzzjonijiet tal-Awtoritajiet tas-Saħħa minħabba l-pandemija tal-Covid-19 l-istaġun ma kompliex u kienet ħasra meta tqis li dan kien l-uniku kampjonat fl-Ewropa li spiċċa b’dan il-mod.
Naħseb li seta’ sar xi ħaġa biex l-aħħar seba’ logħbiet kienu jintlagħbu b’mod normali għax mhux eżempju tajjeb li l-football waqaf hekk ħesrem. 
 
X’se jkun il-futur ta’ Matteo Piciollo?
Fil-veritá għadni ma nafx. Issa l-kampjonat madwar l-Ewropa kollha spiċċaw qed nikkunsidra l-għażliet u l-opportunitajiet li għandi.
Nixtieq infittex club li joffrili emozzjonijiet sbieħ għalkemm għadni ma nafx jekk dan it-team ikunx Malti jew barrani. Ninsab trankwill u ċert li tiġini l-aħjar opportunitá possibbli. Nistennew u naraw!
Nixtieqek tgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u jixtiequ jagħmlu karriera fil-football. Bla dubju ta’ xejn il-football tani ħafna mumenti sbieħ bħala player. 
Biex wasalt għal dawn it-tragwardi kelli nagħmel diversi sagrifiċċji. 
Kif jgħidu xejn ma jiġi b’xejn u għalhekk trid tiċċaħħad minn ċerti affarijiet jekk trid verament tirnexxi. Jien għandi mħabba kbira lejn dan l-isport u lest li nkompli nagħmel aktar sagrifiċċji sabiex inkompli nilħaq l-għanijiet tiegħi.
 
Trid dejjem tibqa’ umli u dejjem lest biex titgħallem aktar biex tkompli tkabbar il-ħiliet tiegħek.
Source: L-Orizzont - Cristian Muscat - cristianmuscatagmail.com